Sors: Francisca Casas-Cordero

Kitba ta’
Consuelo Cerda Monje*, PhD fl-Arti u fl-Edukazzjoni
3 ta’ Marzu, 2026
Fil-kuntest attwali tal-polikriżi mifhuma mhux bħala s-sempliċi somma ta’ kriżijiet iżolati iżda bħala xibka relazzjonali ta’ kollassi ekoloġiċi, ekonomiċi, ġeopolitiċi, teknoloġiċi, u demokratiċi li jsaħħu lil xulxin (Morin & Kern, 1993; Helleiner, 2024) — il-kultura toħroġ bħala lok strateġiku ta’ tilwim, u jkun meħtieġ li titqiegħed fiċ-ċentru tad-dibattitu pubbliku internazzjonali.
B’hekk, il-kultura m’ għandhiex titressaq bħala dominju periferali b’ kuntrast mar -“realta materjali” tal-kriżijiet, iżda pjuttost bħala wieħed mis-siti fejn l-immaġinarji li jsostnuhom jiġu prodotti, leġittimizzati, jew ikkuntestati. Jekk il-polikriżi tesprimi kriżi ċivili ta’ kapitaliżmu modern ikkaratterizzat mill-estrattiviżmu, l-inugwaljanza, u l-erożjoni tal-komun (Svampa, 2016; Escobar, 2019) — allura l-kultura tikkostitwixxi kemm qasam li fih jiġu naturalizzati l-ġerarkiji u ż-żoni ta’ sagrifiċċju, kif ukoll spazju li minnu jiġu ppruvati forom oħra ta’ ħajja u modi oħra ta’ rabta mad-dinja. Fi ħdanha, jiġu kkonfrontati mudelli ta’ żvilupp, kunċetti ta’ progress, u kunċetti ta’ umanita’; fi ħdanha wkoll, jitfaċċaw prattiċi li jartikolaw mill-ġdid il-memorja, jipproduċu tifsiriet Komunitarji, u li jiddisputaw tifsiriet eġemoniċi. F’dan il-qafas, il-kultura tista’ ssir sit ta’ reżistenza, tranżizzjoni ċivili, u kundizzjoni strutturali għall-ħajja demokratika.
Sa mid-Dikjarazzjoni MONDIACULT 2022 u l-aġġornamenti tagħha f ’MONDIACULT 2025, il-UNESCO tenniet b’mod ċar li l-kultura hija ġid pubbliku globali: dritt fundamentali, riżorsa strateġika għall-iżvilupp sostenibbli, u dimensjoni kostituttiva tad-dinjita’ tal-bniedem. Din l-affermazzjoni timplika l-ispostament tal-kultura mill-isfera aċċessorja jew ornamentali sabiex tinftiehem bħala infrastruttura ta’ tifsira, bħala matriċi ta’ koeżistenza, u bħala kundizzjoni ta’ possibilita’ għall-koeżjoni soċjali. Jew, kif jisfidana Gilberto Gil (2003), bħala parti mill-“qoffa bażika tas-sopravivenza tagħna.”
Madankollu, kif twissi Jazmin Beirak f’Cultura Ingobernable (2022), il-kultura mhix oġġett doċli li jista’ jiġi amministrat mingħajr tensjoni. Hija għalqa mżewqa bit-tilwim, minn forzi li jfittxu li jistrumentalizzawha, u minn prattiċi li jfawruha. Eduardo Nivón (2025) ifakkarna li kull politika kulturali timplika pożizzjoni rigward liema prattiki huma leġittimizzati, liema memorji huma ppreservati, u liema modi ta’ ħajja huma meqjusa ta’ valur. Tomas Peters (2020) ikompli jikkomplika x-xena billi juri li l-kulturi m’humiex entitajiet omoġenji iżda assemblaġġi multipli, dinamiċi, u ta’ konflitt, li jistrutturaw l-esperjenzi ta’ kuljum.
Jekk naċċettaw, allura, li l-kultura hija qasam ta’ tilwim, strutturat minn deċiżjonijiet politiċi dwar il-leġittimita’ u l-valur, u mħejji minn netwerks multipli u f’kunflitt bejniethom, il-mistoqsija ma tibqax biss x’nifhmu b’kultura iżda ssir kif tintagħraf fir-soċjeta’. Jiġifieri b’liema dispożizzjonijiet, esperjenzi, u prattiċi nitgħallmu nqisu l-komuni, nagħtu valur lid-differenzi, u ngħixu d-diversita’ bħala kundizzjoni kostituttiva?
Hemmhekk, l-edukazzjoni ssir punt deċiżiv. Jekk il-kultura hija ġid pubbliku, l-aċċess għaliha u l-approprjazzjoni tagħha ma jistgħux jiddependu esklussivament fuq il-konsum jew il-kapital kulturali li jintiret, iżda pjuttost fuq proċessi formattivi li jippermettu esperjenzi ta’ parteċipazzjoni, interpretazzjoni, u ħolqien. Minn din il-perspettiva, ir-relazzjoni bejn l-arti u l-edukazzjoni ssir spazju strateġiku għall-materjalizzazzjoni tal-kultura bħala ġid komuni. Mhix kwistjoni ta’ arti li “turi” l-kontenut u lanqas tibqa’ limitata għall-isfera professjonali – dixxiplinarja, iżda li ssir pedament epistemoloġiku tat-tagħlim: mod kif jiġi prodott l-għarfien, kif tinbena s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, u kif tiġi sostnuta l-koeżjoni soċjali.
F’dan is-sens, il-prattiċi artistiċi—u b’mod partikolari ż-żfin u l-arti tal-ispettaklu—joperaw bħala produtturi u medjaturi tal-għarfien. Huma jipproduċu modi kif jipperċepixxu, jirrelataw, u jgħixu fid-dinja. L-indirizzar tagħhom fl-edukazzjoni ma jfissirx iż-żieda ta’ suġġetti iżolati, iżda l-abilitazzjoni ta’ forom ta’ tagħlim li jintegraw is-sensibbilta’, il-ħsieb kritiku, il-memorja inkorporata, u l-esperjenza kollettiva.
L-arti tal-ispettaklu storikament kienet fil-qalba tal-kultura popolari: fil-festi, ritwali, karnivali, purċissjonijiet, dimostrazzjonijiet politiċi, u ċelebrazzjonijiet Komunitarji. Hemmhekk, moviment jorganizza memorja kollettiva u jipproduċi appartenenza. Meta dawn il-prattiċi jidħlu fl-ispazju pedagoġiku minn perspettiva kritika, huma jiddiversifikaw modi kif wieħed jifhem id-dinja u r-referenzi kulturali tagħha, filwaqt li jiddubitaw il-ġerarkiji tal-għarfien.
Minn din il-perspettiva, il-ġisem isir arkivju ħaj ta’ memorji u esperjenzi. Leda María Martins (2019) uriet kif il-korporjalitajiet Afro-dijasporiċi jittrażmettu memorji, temporalitajiet, u kosmoloġiji li mhux dejjem isibu post fin-narrattivi uffiċjali. Il-ġisem jippreserva, jaġġorna, u jirrikrea l-istorja. B’hekk il-moviment isir spazju ta’ reżistenza: mod ta’ kif insostnu l-ħajja, id-dinjita’, u l-memorja quddiem il-logika esklużjonarja.
Jekk l-edukazzjoni tassumi l-kultura bħala ġid pubbliku, trid tagħraf li l-għarfien ma jiċċirkolax biss permezz ta’ lingwaġġ verbali jew bil-miktub. Tiċċirkola wkoll f’ġesti, ritmi, spostamenti, u modi ta’ kif tirrelata. Il-prattiċi artistiċi fi ħdan il-kurrikulu jippermettu li dawn il-forom ta’ għarfien jidħlu fi djalogu ma’oqfsa epistemoloġiċi oħra, u b’ hekk iwessgħu l-orizzont ta’ dak li nqisu leġittimu li nitgħallmu.
Għalhekk, fix-xenarju attwali tagħna ta’ kriżijiet ċivili multipli—fejn il-pedamenti ekoloġiċi, demokratiċi, u simboliċi tal-ħajja kollettiva qed jitnaqqru—il-ftehim tal-kultura bħala ġid pubbliku jeħtieġ aktar minn dikjarazzjonijiet istituzzjonali. Ir-relazzjoni bejn l-arti u l-edukazzjoni tespandi repertorji espressivi u, fl-istess ħin, tikkonfigura mill-ġdid il-kundizzjonijiet stess tal-komuni. Billi nagħrfu l-arti—fid-dixxiplini diversi tagħhom—bħala forom leġittimi ta’ għarfien, naffermaw li kull korporjalta’ iġġorr il-memorja, li kull esperjenza tista’ ssir għarfien, u li d-diversita’ m’hijiex l-eċċezzjoni imma l-istruttura. Hemmhekk, il-kultura ma tibqax diskors astratt u ssir prattika kondiviża; l-edukazzjoni ma tibqax tirriproduċi l-ġerarkiji u tibda tipprova forom oħra ta’ koeżistenza. F’din l-intersezzjoni—bejn il-kultura bħala dritt u l-arti bħala medjazzjoni pedagoġika—hemm fin-nofs id-demokratizzazzjoni tal-aċċess simboliku u l-possibilita’ stess li wieħed jimmaġina tranżizzjonijiet ċivili quddiem id-densita’ relazzjonali tal-kriżijiet kontemporanji.
Referenzi
Beirak, J. (2022). Ungovernable culture: On culture as a tool for social transformation. Debate.
Escobar, A. (2019). Feeling-thinking with the Earth: New readings on development, territory and difference. Universidad del Cauca.
Gil, G. (2003). Inaugural speech as Minister of Culture of Brazil. Ministry of Culture of Brazil.
Helleiner, E. (2024). The polycrisis of economic globalization. Cambridge University Press.
Martins, L. M. (2019). Performances of spiral time. Cobogó.
Morin, E., & Kern, A.-B. (1993). Terre-Patrie. Seuil.
Nivón Bolán, E. (2013). When culture is the object of policy. Siglo XXI Editores.
Peters, T. (2020). Sociology of cultures. Ediciones Universidad Alberto Hurtado.
Svampa, M. (2016). Latin American debates: Indigenism, development, dependency and populism. Edhasa.
UNESCO. (2022; 2025). MONDIACULT 2022; 2025: Final Declaration. World Conference on Cultural Policies and Sustainable Development. UNESCO.
__________
*Consuelo Cerda Monje: Riċerkatriċi, maniġer kulturali, u artista taż-żfin. Hija għandha Ph.D. fl-Arti u l-Edukazzjoni mill-Universita’ ta’ Barċellona. Il-ħidma tagħha tiġbor flimkien il-kultura, l-edukazzjoni, u l-politika kulturali minn perspettiva kritika u sitwata li tgħaqqad l-Amerika Latina u l-Ewropa. Ir-riċerka tagħha tesplora l-ġisem bħala arkivju ħaj, u pedagoġiji performattivi. Hija tiżviluppa proġetti ta’ kooperazzjoni kulturali internazzjonali li jgħaqqdu l-arti tal-ispettaklu, l-edukazzjoni, u t-territorju.

